Il-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà


Il-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà huwa kompost minn sitt (6) membri – (Chairperson, erba’ membri, u segretarju/a tal-Bord) li jkunu appuntati għall-perjodu ta’ tliet (3) snin.

L-għanijiet tal-Bord tal-Liċenzjar tas-Suq tal-Proprjetà – Real Estate Licensing Board (RELB) huma:

  • Jippubblika r-regolamenti meħtieġa li għandhom jiġu segwiti minn persuni li jagħmluha ta’ intermedjarji fil-proċess ta’ negozjar u waqt li jkunu qegħdin isiru t-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-akkwist jew it-tneħħija ta’ biċċa art, inkluż dawk fuq bażi okkażjonali.  Dawn l-obbligi jistgħu jinkludu regoli, kundizzjonijiet u/jew eżenzjonijiet, fir-rigward tat-twettiq tax-xogħlijiet previsti li jaqgħu taħt l-Att tal-Aġenti, Sensar, u Konsulenti tal-Proprjetà.
  • Jiddetermina jekk applikant jissodisfax il-kriterji tal-eliġibilità sabiex tkun tista’ tiġi assenjata lilu liċenzja jew awtorizzazzjoni.
  • Jawtorizza l-eżerċitar ta’ xogħol minn intermedjarju fis-suq tal-proprjetà taħt kwalunkwe titlu.
  • Jiddeċiedi dwar tiġdid ta’ liċenzja.
  • Iwaqqaf u jżomm Reġistru ta’ Persuni Liċenzjati.
  • Jiddetermina u jimponi termini u kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu segwiti kull meta tinħareġ liċenzja, reġistrazzjoni, jew notifikazzjoni.
  • Jirrevedi u jawtorizza bidliet li jkun hemm qbil dwarhom, li għandhom x’jaqsmu ma’ liċenzji u reġistrazzjonijiet.
  • Jissospendi u/jew jikkanċella liċenzji, reġistrazzjonijiet, u notifikazzjonijiet.
  • Jirrevedi u jippubblika notifikazzjonijiet minn persuni relevanti, li jew ikunu ser iwettqu tranżazzjonijiet ta’ proprjetà fuq bażi okkażjonali jew tranżazzjonijiet ta’ proprjetà bħala taħriġ fuq bażi ta’ apprentistat.
  • Jissorvelja l-Industrija tal-Intermedjazzjoni fis-Suq tal-Proprjetà, filwaqt li jenforza l-miżuri amministrattivi stabbiliti fl-Att, jekk ikun meħtieġ.
  • Jagħti pariri lill-Ministru fuq materji relatati mal-Intermedjazzjoni fis-Suq tal-Proprjetà.

Membri tal-Bord

Chairperson                    Dr Ian Borg

Membru                           Prof. Marvin Formosa

Membru                           Prof. Saviour Formosa

Membru                           Mr Ray Pellicano

Membru                           Mr Thomas Agius 

Segretarju                       Mr Michael Ferry

Liċenzjar ta’ Aġenti, Sensara, Maniġers tal-Fergħat, u Konsulenti tal-Propjetà

 

L-Att dwar l-Aġenti, is-Sensara, u l-Konsulenti tal-Propjetà (Kapitlu 615 tal-Liġi ta’ Malta) daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Lulju 2020 u jirregola l-liċenzjar tal-aġenti, sensara, konsulenti tal-propjetà u maniġers tal-fergħat f’Malta.

Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, l-ebda persuna m’għandha teżerċita l-funzjoni ta’ sensar jew aġent tal-propjetà, jew tkun impjegata jew imħaddma bħala maniġer ta’ fergħa jew konsulent tal-propjetà dment li m’għandhiex liċenzja maħruġa skont dan l-Att.

Hemm tliet (3) Formoli Ewlenin:

  1. Il-Formola EA1 – Applikazzjoni għal applikanti eliġibbli u dawk mhux eliġibbli li beħsiebhom japplikaw għal liċenzja sabiex jaħdmu bħala sensara, aġenti, maniġers ta’ fergħat, u konsulenti tal-propjetà.
  1. Il-Formola EA2 – Applikazzjoni sabiex jingħata isem lil Aġenzija tal-Propjetà.
  1. Il-Formola EA3 – Applikazzjoni sabiex tirrikonoxxi Sħubija.

JIĠU AĊĊETTATI BISS L-APPLIKAZZJONIJIET LI JASLU PERMEZZ TAL- FOROM APPLIKABBLI ONLAJN.

Dikjarazzjonijiet

Dikjarazzjoni Għall-Apprentistat

X’inhu l-għan tal-Avviż Legali 497 – Esperjenza ta’ Xogħol fis-Suq tal-Propjetà – maħruġ fl-24 ta’ Diċembru 2021?

L-Avviż Legali 497 (2021) jgħid li kull persuna li beħsiebha tikseb liċenzja f’termini tal-Att [L-Att dwar l-Aġenti, is-Sensara, u l-Konsulenti tal-Propjetà (Kapitlu 615)], u sakemm tinkiseb it-tali liċenzja, tkun tixtieq li jkollha esperjenza ta’ xogħol fis-suq tal-propjetà, tista’ tissottometti applikazzjoni lill-Bord billi tuża l-formola preskritta li permezz tagħha titlob permess sabiex ikollha perjodu ta’ esperjenza ta’ xogħol, għal perjodu ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar, ma’ sensar liċenzjat, jew aġent, jew maniġer ta’ fergħa tal-propjetà, u tassisti fil-funzjonijiet ta’ sensar, aġent, jew maniġer ta’ fergħa tal-propjetà taħt is-superviżjoni tiegħu/tagħha.

Dikjarazzjoni Tal-Atti Intermedjarji Okkażjonali
 

Xi tfisser Bażi Okkażjonali?

  • “Bażi Okkażjonali” tfisser li taġixxi bħala intermedjarju fil-proċess ta’ negozjar u twettaq mhux aktar minn żewġ (2) tranżazzjonijiet fis-sena li jinvolvu l-akkwist jew it-tneħħija jew il-kiri tal-art.

X’Jeħtieġ Li Nagħmel Biex Inkun Intermedjarju Fuq Bażi Okkażjonali?

  • Dawk kollha li jkunu qed jaġixxu bħala intermedjarji fuq Bażi Okkażjonali huma mitluba jinfurmaw lill-Bord Tal-Liċenzji bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan ix-xogħol okkażjonali billi jibagħtu ittra elettronika fuq applicationreab@gov.mt u jniżżlu isimhom, kunjomhom, u n-numru tal-karta tal-identità flimkien ma’ kopji skennjati:
    • tal-Karta tal-Identità tagħhom jew tal-permess ta’ residenza (minn quddiem u minn wara) u
    • tad-Dikjarazzjoni tal-Atti Intermedjarji Okkażjonali mimlija u ffirmata.

Hemm aktar rekwiżiti għal persuni li jservu bħala intermedjarji fuq Bażi Okkażjonali?

  • Il-Bord jista’ jitlob lil tali persuni li jwettqu dan ix-xogħol fuq bażi okkażjonali sabiex ifornuh b’informazzjoni fuq in-numru u l-valur tat-tranżazzjonijiet li jsiru fis-sena, u/jew fuq bażi ad hoc kif il-Bord jidhirlu li huwa neċessarju.
Avviż Legali 498

X’inhu l-iskop tal-Avviż Legali 498 – Id-Determinazzjoni tar-Regolamenti tal-Applikazzjonijiet għal-Liċenzjar – maħruġa fl-24 ta’ Diċembru 2021?

L-Avviż Legali 498 (2021) jgħid li kwalunkwe persuna, li teżerċita attività kummerċjali jew professjonali fil-propjetà u li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Att [L-Att dwar l-Aġenti, is-Sensara, u l-Konsulenti tal-Propjetà (Kap. 615)], li tkun issottomettiet applikazzjoni għal liċenzja fil-forma intiera tagħha lill-Bord sal-31 ta’ Diċembru 2021, m’għandhiex tinżamm milli tkompli teżerċita attività kummerċjali jew professjonali matul il-perjodu li fih l-applikazzjoni tagħha tkun qed tiġi proċessata u determinata, sakemm il-Bord ma jamministrax mod ieħor meta jeħtieġu ċ-ċirkostanzi.

Aċċess għall-Avviż Legali: LEĠIŻLAZZJONI MALTA (legislation.mt)

Skip to content