Dr Stefan Zrinzo Azzopardi twieled fl-1973 u nħatar Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar mill-Prim Ministru Robert Abela, f’Marzu, 2022.

Dr Zrinzo Azzopardi iggradwa mill-Universita ta’ Malta bħala avukat fl-1999 u ftit wara beda jipprattika l-liġi l-aktar fil-Qrati Ċivili u Kummerċjali. Fl-2003, meta kellu 30 sena huwa nħatar President tal-Partit Laburista u minn din il-kariga huwa mexxa ’l quddiem diversi riformi fil-Partit fosthom tiġdid ewlieni fl-istatut tal-Partit Laburista. Wara r-rebħa Laburista tal-2013, huwa nħatar chairman
tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir fejn fost affarijiet oħra kien responsabbli għat-tkomplija ta’ bosta proġetti fil-Belt Valletta fosthom id-daħla tal-Belt, il-binja tal-Parlament il-ġdid, Pjazza Kastilja, Pjazza Tritoni u l-Ġnien Laparelli.

F’Jannar 2020, Dr Zrinzo Azzopardi inħatar Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Waqt li kien f’din il-kariga huwa kien jattendi regolarment il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u kien f’dan iż-żmien li Malta kkonkludiet b’suċċess pakkett finanzjarju ta’ €2.27 biljun għas-seba’ snin 2021-2027. Dan kien jinkludi l-Pjan għall-Irkupru u
r-Reżiljenza ta’ madwar €320 miljun bħala għotja diretta għal wara l-pandemija.

Dr Zrinzo Azzopardi ġie elett mill-5 distrett għat-tieni darba fl-elezzjoni ta’ Marzu 2022. Bħala Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u
l-Ippjanar, Dr Zrinzo Azzopardi huwa responsabbli mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni kif ukoll għal diversi entitajiet oħra fi ħdan id-dekasteru fosthom l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post
tax-Xogħol, l-OHSA.

Dr Zrinzo Azzopardi huwa miżżewweġ lil Silvana u missier żewġt’ulied, Federico u Emilia.

Skip to content